“M’għandi lil ħadd jien, kollha mietu, iż-żewġ familji, waħdi”.
Din hija Josephine Falzon, anzjana dħulija u b’enerġija żagħżugħa ta’ 84 sena mill-Imsida, li ilha għal dawn l-aħħar 40 sena tgħix waħedha.
Emozjonata, Josephine qaltilna li l-festi ta’ matul is-sena fosthom il-Milied, li suppost iġib ferħ lil ħafna, dejjem iċċelebratu waħidiha qalb l-erba’ ħitan tad-dar li kienet tgħix fiha qabel ma’ daħlet tgħix f’dar tal-anzjani.
Iżda ftit tax-xhur ilu Josephine li kienet tħossha maqtugħa mis-soċjetà, ħadet il-ħajja permezz tal-inizjattiva Adopt a Granny. Fil-fatt, Josephine sabet il-wens f’Angele Pace, l-anġlu, hekk kif iddeskrivitha l-anzjana, li fil-ħin liberu tagħha tqatta’ il-ħin iżżommilha kumpanija.
Ma’ ONE News, Angele ,li għandha 42 sena u hija wkoll ħaddiema fid-Dar tal-Anzjani li fiha tgħix Josephine, qalet li permezz ta’ din l-inizjattiva qed titgħallem ħafna daw dawk li jħossu s-solitudni u dawk li jħosshom maqtugħa mis-soċjetà. Fl-istess waqt qaltilna li tgħallmet ħafna minn Josephine u kif tabilħaqq, kliem ix-xiħ… trid iżżomm fih!
“Fil-ħin liberu tiegħi xtaqt li nadotta lil Josephine. Jiena u Josephine nitkellmu ħafna għax hi tħobb l-opra, hija mara ħelwa ħafna, tkompli, u ċajtiera”.
L-anzjana saħqet li f’Angele sabet wens kbir, għax fejn qabel ma kellha lil ħadd ma’ min tiftaħ qalbha, issa għandha lilha, fejn iddeskrivitha li qisha l-bint li qatt ma’ kellha.
Għal Angele, Josephine kellha biss kelma waħda, “inħobbha”.
Il-General Manager ta’ Jasmine Nursing Home, Reuben Vella Bray, faħħar din il-kampanja, fejn saħaq li bħalissa madwar erbgħin anzjan u anzjana residenti f’din id-dar ġew addottati, fosthom minn tfal:
“Tfal żgħar, jiġu jaddottaw a granny, jiġu minn skejjel, ftit ilu kellna l-iskola tal-Għargħur, fejn iġibulhom l-affarijiet u joqogħdu jitkellmu magħhom u jaqsmu l-esperjenzi kemm ta’ ġenerazzjoni żgħira ma’ ġenerazzjoni kbira”.
Din il-kampanja għandha l-għan li tnaqqas is-solitudni fost l- anzjani li tul ħajthom taw kontribut siewi lill-pajjiżna. Fl-istess waqt tħeġġeġ id-djalogu bejn il-ġenerazzjonijiet u tħeġġeġ aktar kuxjenza fuq it-tbatijiet moħbija fis-soċjetà.