Anzjana ta’ 75 sena sofriet minn ġrieħi gravi wara li r-residenza li kienet fiha fiż-Żurrieq inħakmet minn nirien.
L-inċident seħħ ilbieraħ għall-ħabta tas-sitta ta’ filgħaxija fi Triq Santa Katerina fiż-Żurrieq.
Minn informazzjoni li kiseb One News jidher li fir-residenza kien hemm żewġ anzjani, it-tnejn ta’ 75 sena. Kienet kamra tas-sodda tal-istess residenza li ħadet in-nar. Fuq il-post assistew membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u uffiċjali tal-Pulizija.
Iż-żewġ anzjani ttieħdu l-isptar Mater Dei għal aktar kura fejn rriżulta li waħda sofriet ħruq filwaqt li l-anzjana oħra belgħet id-dħaħen.
Aktar tard l-anzjana li sofriet ħruq ġiet ċċertifikata li qed issofri minn ġrieħi gravi filwaqt li l-anzjana li belgħet id-dħaħen ġiet ikkurata u ntbagħtet lura d-dar.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejin.