Anzjana tinsab fil-periklu tal-mewt wara li sofriet ġrieħi serji kawża ta’ heater tal-gass fir-residenza tagħha fil-Fgura.
Il-każ seħħ illum għall-ħabta tal-erbgħa u nofs ta’ waranofsinhar f’residenza fi Triq il-Koppla, il-Fgura.
Il-Pulizija tad-Distrett marret minnufih fuq il-post u minn stħarriġ preliminari li sar, irriżulta li mara ta’ 74 sena, residenti l-Fgura, sofriet xi ħruq f’partijiet minn ġisimha, x’aktarx kawża ta’ heater tal-gass. Il-vittma ttieħdet l-Isptar Mater Dei permezz ta’ ambulanza fejn ġiet iċċertifikata li qiegħda ssofri minn ġrieħi serji.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr Y Micallef Stafrace LL.D, li ordnat li ssir inkjesta u ħatret diversi esperti sabiex jassistuha.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan il-każ għadhom għaddejjin.