Ilbieraħ, għall-ħabta tas-sitta ta’ filgħaxija, seħħ inċident tat-traffiku fi Triq Ħal Far, iż-Żurrieq.
Il-ħabta seħħet bejn vettura Toyota Passo, misjuqa minn raġel ta’ 45 sena residenti Ħal Għaxaq u Opel Astra, misjuqa minn raġel ta’ 36 sena residenti Birżebbuġa.
Flimkien mar-raġel ta’ 36 sena kien hemm mara ta’ 40 sena residenti Birżebbuġa, tifel ta’ għaxar snin u tifla ta’ seba’ snin. Passiġġieri fit-Toyota Passo kien hemm tliet nisa ta’ 79, 70 u 44 sena, tnejn residenti Ħal Għaxaq u waħda tgħix Ħal Luqa, kif ukoll żagħżugħ ta’ 14-il sena.
Fuq il-post issejħu l-Pulizija, membri tal-Protezzjoni Ċivili kif ukoll tim mediku, u ambulanzi ħadu lillpersuni midruba l-Isptar Mater Dei għall-aktar kura. Aktar tard, il-mara ta’ 79 sena ġiet iċċertifikata li weġġgħet serjament filwaqt li l-mara ta’ 70 sena u ż-żagħżugħ ġew iċċertifikati li weġġgħu ħafif.
Bil-każ ġie infurmat il-Maġistrat tal-Għassa Dr Ian Farrugia LL.D li ħatar diversi esperti sabiex jassistuh fl-inkjesta li ġiet appuntata.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.
Ritratt : Uffiċċju tal-Komunikazzjoni, Il-Korp tal-Pulizija ta’ Malta