Anzjana ta’ 76 sena tinsab fil-periklu tal-mewt wara li kienet involuta f’ħaba bejn żewġ karozzi fis-Swieqi aktar kmieni llum.
Kien għall-ħabta tad-disgħa u nofs ta’ dalgħodu seħħet ħabta fi Triq Sant’ Andrija bejn Fiat 500 misjuqa minn mara ta’ 30sena li tgħix iż-Żurrieq, u li magħha kellha raġel ta’ 31 sena, u Toyota Vitz misjuqa minn raġel ta’ 70sena minn Tal-Pietà. Miegħu kellu riekba l-vittma u mara oħra ta’ 73 sena mix-Xgħajra.
Iż-żewġ sewwieqa u l-passiġġieri fit-Toyota ttieħdu l-isptar b’urġenza, fejn aktar tard ġie kkonfermat li l-mara ta’ 76 sena sofriet ġrieħi serji u tinsab fil-periklu tal-mewt. It-tliet persuni l-oħra ndarbu ħafif.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Doreen Clarke li ordnat li ssir inkjesta u ħatret diversi esperti biex jassistuha. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija tad-Distrett għadhom għaddejjin.