Anzjan ta’ 72 sena minn Ħal Qormi qed isofri minn ġrieħi gravi wara li kien allegatament aggredit minn tliet persuni waqt attentat ta’ serq.
Il-każ seħħ it-Tlieta għall-ħabta tal-11:00 ta’ filgħaxija fi Triq Santa Katarina Ħal Qormi. Minn stħarriġ perliminari illi sar, irriżulta li l-anzjan kien agredit minn tliet persuni, bl-aggressuri jaħarbu minn fuq il-post mingħajr ma serqu xejn.
Fuq il-post ġie msejjaħ tim mediku mill-Isptar Mater Dei li ħadu lill-vittma l-isptar għal aktar kura, fejn l-anzjan ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi ta’ natura gravi.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan il-każ għadhom għadejjin filwaqt li qed issir tfittxija għall-aggressuri.