Raġel ta’ 76 sena residenti l-Marsa weġġa’ gravi wara li karozza daħlet ġol-vann li kien qiegħed jaħsel.
Il-każ seħħ is-Sibt għall-ħabta tas-sebgħa neqsin kwart ta’ filgħaxija fi Triq Belt il-Ħażna, il-Marsa.
Mil-ewwel stħarriġ irriżulta li ġuvni ta’ 19-il sena, residenti l-Furjana li kien qed isuq Toyota Vitz tilef il-kontroll tal-vettura u ħabat f’Mercedes Benz Sprinter li kienet ipparkjata. Il-vittma kien qiegħed fuq sellum jaħsel il-vann fil-ħin tal-inċident.
Ir-raġel ingħata l-għajnuna minn tim mediku u ittieħed l-Isptar Mater Dei b’ambulanza fejn aktar tard kien iċċertifikat li sofra ġrieħi gravi.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.