Raġel ta’ sitta u tmenin sena li ismu ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti tressaq quddiem il-Maġistrat Doreen Clarke mixli li għamel azzjonijiet ta’ natura sesswali fuq żewġ nisa oħra.
Ir-raġel viżibbilment deher jitlob fl-awla filwaqt li ibnu kien moħħu f’missieru fil-ħin li d-difiża u l-prosekuzzjoni flimkien mal-Maġistrat bdew jiddiskutu l-każ.
L-akkużat li ftit li xejn ta kas x’kien qed jiġri wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrieh u talab għall-ħelsien, liema talba ġiet milqugħa fuq diversi kundizzjonijiet.
Il-Qorti imponiet ordni proviżorja ta’ superviżjoni fuq l-imputat fejn l-akkużat għandu jagħmel fuq direttiva mogħtija mill-uffiċjal sorveljant.
Il-Maġistrat Clarke spjegat lill-akkużat li ma jistax iżur il-post fejn seħħ ir-reat. Hawnhekk l-imputat deher jikkonfondi ruħu hekk kif fl-istess post tinsab martu.
L-anzjan inħeles mill-arrest fuq depożitu ta’ ħames mitt ewro u garanzija personali ta’ elfejn u ħames mija filwaqt li ġie mitlub jiffirma fl-għassa tal-pulizija darba f’ġimgħa.