Anzjan ta’ 84 sena tilef il-battalja mal-Coronavirus, u huwa t-tielet vittma ta’dan il-virus f’pajjiżna.
L-anzjan iddaħħal l-Isptar Mater Dei l-Ġimgħa bi qtugħ ta’ nifs, fejn sarlu test għall-Coronavirus u rriżulta fil-pożittiv.
Il-kundizzjoni tal-anzjan, li kien ibati b’kundizzjonijiet oħra tas-saħħa, baqgħet sejra lura tul il-lejl u miet fl-Isptar Mater Dei s-Sibt filgħodu.
Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika stqarret: “Hu kien diġà jbati b’kundizzjonijiet mediċi oħra li jpoġġuh f’vulnerabbiltà minbarra l-età li kellu u sfortunatament, despite li ppruvajna nagħmlu mill-aħjar li nistgħu fl-isptar għal dan il-pazjent, huwa ħalliena dalgħodu.”
Gesmond Micallef – id-Deputy Charge Nurse taċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Raħal Ġdid – kien fl-ambulanza li ħadet lill-anzjan lejn l-Isptar Mater Dei. Qal li ma jixtieqx jagħmel aktar vjaġġi ta’ swied il-qalb bħal dawn, u ingħaqad mal-appelli ta’ bosta biex l-anzjani jibqgħu f’darhom.
Huwa spjega: “Qed naħdmu bla heda ħalli nevitaw dat-tip ta’ mwiet li qed iweġġgħu lill-familji Maltin u Għawdxin u r-riżultati rriduhom pożittivi kemm jista’ jkun.”
Bħaż-żewġ każi ta’ qablu, it-tielet vittma li tilef il-ġlieda kontra l-Coronavirus f’pajjiżna huwa anzjan b’kundizzjonijiet mediċi oħra, għaldaqstant l-appell biex jiġu segwiti l-pariri tal-awtoritajiet tas-saħħa ħalli jiġu protetti l-anzjani u l-persuni vulnerabbli fis-soċjetà.