Anzjan ta’ 79 sena residenti l-Marsa tilef ħajtu wara li ttajjar fil-Marsa-Ħamrun Bypass, il-Marsa.
L-inċident fatali seħħ għall-ħabta tas-sebgħa tas-Sibt filgħaxija.
Mill-ewwel investigazzjonijiet irriżulta li r-raġel intlaqat minn vettura tat-tip Kia Sorento, misjuqa minn raġel ta’ 24 sena residenti Birżebbuġa.
Il-Pulizija marret minnufih fuq il-post, filwaqt li tim mediku ta l-assistenza lill-vittma. Huwa ttieħed lejn l-Isptar Mater Dei fejn sfortunatament huwa ġie ċċertifikat mejjet ftit tal-ħin wara.
Bil-każ ġie nfurmat il-Maġistrat tal-Għassa Ian Farrugia li ordna inkjesta filwaqt li ħatar diversi esperti.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan il-każ għadhom għaddejjin.