Anzjan ta’ sebgħa u sebgħin sena jinsab fil-periklu tal-mewt wara li ntlaqat minn karozza f’Birkirkara.
Il-każ seħħ għall-ħabta tal-ħamsa u għaxra tal-bieraħ waranofsinhar, fi Triq Dun Karm.
Il-Pulizija marret minnufih fuq il-post, fejn mill-ewwel stħarriġ irriżulta li l-anzjan intlaqat minn karozza misjuqa minn żagħżugħ ta’ erbgħa u għoxrin sena li jgħix l-Imsida.
Il-vittma ngħata l-għajnuna minn tim mediku u ttieħed l-Isptar Mater Dei b’ambulanza, fejn aktar tard ġie ċċertifikat bi ġrieħi serji.
Dwar il-każ ġie informat il-Maġistrat Antoine Mifsud Bonnici u ħatar inkjesta, filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.