Anzjan ta’ 70 sena minn Ħaż-Żebbuġ, ingħata sentenza sospiża, wara li nstab ħati li kkawża ġrieħi serji lill-eks mara tiegħu, f’każ li jmur lura għal April tal-2019.
Il-vittma, qalet li huwa kien beda jsawwatha bil-ponn, u jagħtiha bis-sieq fl-istonku, filwaqt li kisrilha subgħajha, tant li l-espert mediku tal-Qorti, Mario Scerri, innota kif subgħajha ma jistax jiġi kif kien kawża tal-ksur.
Rappreżentanti mit-taqsima tal-Pulizija, il-Victim Support Agency, qalu kif kienu qed isegwu lill-vittma, hekk kif hija kienet qed tibża’ mir-raġel.
Ir-raġel, qal li kienet il-mara li tat l-ewwel daqqa ta’ ħarta, hekk kif hija ma riditx tiffirma l-karti tas-separazzjoni.
Fil-Qorti, ir-raġel ammetta wkoll li kellu żewġ każijiet simili mal-eks mara tiegħu.
Fid-dawl ta’ dan ir-raġel ingħata s-sentenza ta’ 18-il xahar priġunerija, sospiżi għal sentejn.
Barra minn hekk, inħarġet ordni ta’ protezzjoni fil-konfront tal-vittma, li jekk jiksirha, ir-raġel jiġi ordnat iħallas €2,000.