Raġel ta’ 68 sena minn Ħal Qormi jinsab fil-periklu tal-mewt wara li ntlaqat minn trakk tat-tip DAF misjuqa minn raġel ta’ 46 sena mis-Siġġiewi waqt li kien qed jirriversja.
Il-każ seħħ għall-ħabta tas-1 p.m. f’sit fiż-żona industrijali li jinsab fi Triq il-Kosmetika ta’ Bulebel.
Fuq il-post issejħet ambulanza li ħadet lil vittma l-isptar Mater Dei għall-kura.
Aktar tard, ir-raġel ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi ta’ natura serja u li jinsab fil-periklu tal-mewt.
Bil-każ ġie infurmat il-Maġistrat tal-Għassa li ordna li ssir inkjesta u ħatar diversi esperti sabiex jassistu.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan l-inċident għadhom għaddejjin.