John Pace huwa wieħed mill-għaxart elef persuna f’pajjiżna li fl-aħħar ġimgħat bdew jieħdu l-mediċina tax-Xarelto, jew l-ekwivalenti tagħha, mingħajr ħlas.
Dan wara li din il-mediċina żdiedet fuq il-formularju tal-Gvern f’Ġunju li għadda, f’waħda mid-diversi wegħdiet li saru fil-qasam tas-saħħa matul il-kampanja elettorali li għaddiet, u li twettqet fl-ewwel mitt jum.
L-anzjan laqagħna f’daru, fejn qalilna li din il-mediċina beda jeħodha ftit tas-snin ilu minħabba ċ-ċirkolazzjoni tad-demm u kienet tiswih ħamsa u disgħin ewro fix-xahar.
Qal, “Il-cardiac ward kienu ordnawli wara li ħriġt minn hemmhekk biex minħabba ċ-ċirkolazzjoni, nibda nieħu l-werferina u jiena dakinhar semmewli l-Apixaban, li hija simili kważi l-istess tax-Xarelto u bdejt nixtri lilha.”
F’sena, din tiġi tiswa aktar minn elf u mitt ewro.
L-anzjan huwa wkoll dijabetiku, u sa ftit tas-snin ilu, kien jonfoq tnejn u sebgħin ewro oħra kull xahar fuq mediċina għad-dijabete.
Din il-mediċina, imsejħa “Lantus”, iddaħħlet fuq il-formularju tal-Gvern fil-bidu tal-elfejn u dsatax.
B’dawn iż-żewġ mediċini fuq il-formularju tal-Gvern, John m’għandux għalfejn jonfoq ammont kbir mill-pensjoni fuq mediċini.
Qal, “Jien ma nqisx lili biss. Jiena nqis lili nnifsi bħala pensjoni fit-triq tan-nofs, jiġifieri hawn min għandu pensjoni ħafna inqas minni u hawn min għandu pensjoni ħafna iktar minni. Żgur li dawk li qegħdin fit-triq tan-nofs u l-inqas, se jgawdu immensament minnha għax kif qegħdin ngħidu. Meta jieħu x-Xarelto ħa jiffranka ħamsa u disgħin ewro, min ħa jieħu l-Lantus u ma jiħux din ħa jieħu tnejn u sebgħin, imma min ħa jeħodhom it-tnejn ħa jiffranka mija u sebgħa u sittin ewro fix-xahar jiġifieri kulħadd ħa jgawdi minnha din.”
John tilef lill-mara tiegħu fl-elfejn u dsatax.
Huwa qalilna li martu wkoll kellha bżonn il-mediċina minħabba ċ-ċirkolazzjoni fid-demm, iżda hi setgħet tieħu l-werferina, li tingħata b’xejn l-isptar.
Li kieku hi wkoll kellha bżonn ix-Xarelto, flimkien mal-mediċini li jieħu John, l-ispiża tal-koppja għand l-ispiżjar kienet tkun ferm ikbar.
Qal, “Il-werferina kienet tittieħed b’xejn mill-isptar u aħna għalkemm il-mara tiegħi eks għalliema u jiena kont nurse ukoll, illum ngħidlek li l-pensjoni tiegħi aħjar ħafna mill-pensjonijiet li kellna jien u hi. Illum kapriċċ nista’ nagħmlu, dak iż-żmien kont noqgħod attent kif nagħmel kapriċċ.”
John fakkar ukoll kif sa ftit tas-snin ilu, l-anzjani kienu jgergru għax ma jsibux il-mediċini li jkollhom bżonn minħabba l-problema tal-out of stock taħt amministrazzjonijiet Nazzjonalisti.
Issa mhux talli din il-problema m’għadhiex teżisti, talli aktar mediċini qed jiddaħħlu fuq il-formularju tal-Gvern.
Fl-ewwel mitt jum ta’ dan il-Gvern, iddaħħlet mediċina għall-fibromajalġja, kompla jiġi estiż il-programm li jissorvelja l-livell taz-zokkor fid-demm, u bdiet tingħata b’xejn il-mediċina tax-Xarelto, jew l-ekwivalenti tagħha, fost diversi wegħdiet imwettqa.