Raġel ta’ 65 sena li ismu ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti baqa’ jinżamm arrestat wara li ttella’ l-Qorti mixli b’akkużi ta’ abbuż sesswali fuq tifla ta’ tnax-il sena.
Il-pensjonant li wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih, ġie mixli li ħa sehem f’atti sesswali mat-tifla u li kkorrompiha fil-garaxx tiegħu.
Jidher li t-tila rnexxielha tiftaħ qalbha mal-LSE tagħha fl-iskola li mbagħad infurmat lill-awtoritajiet konċernati.
Fuq il-kwistjoni ta’ ħelsien mill-arrest l-avukat tad-difiża argumenta li l-Qorti tista’ timponi numru ta’ kundizzjonijiet li jirristrinġu lill-akkużat milli jbagħbas l-evidenza.
Iżda l-prosekuzzjoni stqarret li waqt li l-akkużat kien qed jinżamm taħt arrest, is-sieħba tiegħu pruvat tagħmel kuntatt mal-familja tal-vittma.
Il-Maġistrat Ian Farrugia ċaħad it-talba għall-ħelsien minħabba n-natura tal-akkużi fost oħrajn.