Anzjan ta’ 76 sena minn Ħal Tarxien tilef ħajtu wara li waqa’ minn fuq il-bejt tar-residenza tiegħu għal fuq saqaf ta’ propjetá privata ta’ ħdejh, għoli ta’ madwar sular.
L-inċident seħħ għall-ħabta tas-siegħa neqsin kwart ta’ waranofsinhar fi Vjal Simmons, Ħal Tarxien.
Il-Pulizija marret immedjatament fuq il-post u minn investigazzjoni preliminari li saret irriżulta li mal-waqgħa, is-saqaf li ġie fuqu l-vittma sfronda bih u waqa’ madwar sular ieħor.
Fuq il-post issejħu l-membri tal-Protezzjoni Ċivili kif ukoll tim mediku li ta l-ewwel għajnuna lill-vittma u wara ħaduh l-Isptar Mater Dei għall-aktar kura, iżda b’xorti ħażina, huwa ġie ċċertifikat mejjet ftit tal-ħin wara.
Il-Maġistrat tal-Għassa Victor Axiak ġie infurmat bil-każ u ħatar inkjesta.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.