Grazio Azzopardi, anzjan ta’ sebgħin sena li qed jistenna biex jgħaddi ġuri dwar allegat każ ta’ attivitajiet sesswali ma’ tifla ta’ tmien snin ħames snin ilu, baqa’ jinsisti li l-istorja kif preżentata mill-Avukat Ġenerali hija drammatizata.
Minkejja dan, it-tliet imħallfin li semgħu l-ilmenti tiegħu qabel jibda l-ġuri, warrbu dan l-argument.
Fl-2016, l-anzjan tressaq il-Qorti akkużat li sena qabel fix-Xgħajra, ikkorrompa u ħa sehem f’attivitajiet sesswali ma’ tifla ta’ tmien snin.
Huwa ġie mixli wkoll li uża l-forza, il-vjolenza u t-theddid fuq it-tifla u li wettaq ir-reat meta t-tifla ġiet fdatha lilu biex jieħu ħsiebha.
Fost akkużi oħra, l-anzjan ġie mixli li kien fil-pussess ta’ materjal pornografiku.
Qabel jgħaddi ġuri, l-anzjan ilmenta li n-narrattiva li ntużat biex tfassal l-Att t’Akkuża kienet drammatizzata żżejjed u li t-tabib li kellmet lit-tifla marret oltre mix-xogħol mitlub minnha.
Dawn l-ilmenti kienu diġà ġew miċħuda mill-Imħallef Giovanni Grixti fi Frar li għadda imma l-anzjan appella u nsista li kellu raġun.
Madanakollu, anki l-Prim Imħallef Mark Chetcuti u l-Imħallfin Edwina Grima u Aaron Bugeja ċaħdu dawn l-ilmenti.