Anzjan u missier li ħareġ għal dik li kellha tkun l-aħħar ġurnata tax-xogħol tiegħu nbidlet fi traġedja.
L-emozzjoni ta’ dik il-ġurnata għal dan ir-raġel bdiet ma’ tlugħ ix-xemx, hekk kif dak li kien ħadem fih għal tul ta’ snin kien se jasal fi tmiemu.Il-familja tiegħu preparat festin biex tibdel ġurnata diffiċli għal waħda sabiħa.
Iżda sewwieq ta’ karozza li kien qed juża l-mobile waqt is-sewqan, bidel din il-ġurnata għal waħda traġika għal din il-familja.
Transport Malta xandret riklam ġdid, bħala parti mill-kampanja ‘Rispett fit-Triq. Il-kampanja mnedija x-xahar li għadda fiha bosta fażijiet u se tkompli fil-ġimgħat li ġejjin. Il-messaġġi tal-kampanja qed jixxandru fuq it-televiżjoni, fuq is-siti soċjali u jinstemgħu fuq l-istazzjonijiet tar-radju.
Transport Malta u l-Malta Road Safety Council nedew kampanja edukattiva biex ikabbru l-għarfien fuq is-sigurta’ fit-toroq. Il-kampanja se tiffoka fuq bosta temi fil-ġimgħat li ġejjin bl-għan li ttejjeb il-livell tas-sewqan tagħna u tagħmel it-toroq Maltin iktar siguri.
Il-kampanja ‘Żomm għajnejk fuq it-triq’ għandha l-għan li żżid l-għarfien fuq il-konsegwenzi ta’ meta tuża l-mobile waqt li ssuq.