Raġel ta’ 70 sena qed isofri minn ġrieħi gravi wara li l-mutur li kien qed isuq intlaqat minn vettura li baqgħet sejra.
L-inċident seħħ għall-ħabta tal-4:40am fi Triq iż-Żurrieq, Birżebbuġia, fejn minn investigazzjonijiet preliminari li saru rriżulta li vettura kienet laqtet mutur tat-tip Modenos, li kien qed jiġi misjuq minn raġel ta’ 70 sena residenti Birżebbuġia. Il-vettura telqet minn fuq il-post.
Fuq il-post issejħet ambulanza li ħadet lir-raġel l-Isptar Mater Dei għall-kura, fejn aktar tard ir-raġel ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi gravi.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.