Raġel ta’ 89 sena residenti San Pawl il-Baħar tilef ħajtu fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex wara li ntilef minn sensih waqt għawma f’Marsalforn, Għawdex.
Il-Pulizija marret minnufih fuq il-post u minn stħarriġ preliminari, irriżulta li raġel tilef ħajtu waqt li kien qed jgħum. Huwa ngħata l-ewwel għajnuna wara li ntlemaħ minn xi nies mitluf minn sensih f’wiċċ l-ilma.
Fuq il-post issejħet l-ambulanza li ħadet lill-anzjan l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex fejn iżjed tard huwa tilef ħajtu. Bil-każ ġie nfurmat il-Maġistrat tal-Għassa li ordna li ssir inkjesta u ħatar diversi esperti sabiex jassistuh. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.