Raġel ta’ 79 sena mill-Pietá jinsab f’qagħda kritika wara li safa mtajjar fl-Imsida.
L-inċident seħħ fis-sitta neqsin għaxar tal-Ħadd filgħaxija fi Triq Marina.
Minn stħarriġ preliminari tal-Pulizija tad-Distrett irriżulta li l-anzjan ittajjar minn vettura tat-tip BMW li kienet misjuqa minn raġel ta’ ħamsa u tletin sena mill-Floriana.
Fuq il-post issejħet ambulanza li ħadet lill-vittma l-Isptar Mater Dei sabiex jingħata l-kura. Aktar tard huwa ġie ċċertifikat li jinsab fil-periklu tal-mewt.
Bil-każ ġie nfurmat il-Maġistrat tal-Għassa li ħatar diversi esperti sabiex jassistuh fl-inkjesta. L-investigazzjonijiet tal-pulizija għadhom għaddejjin.