Kaxxier ta’ 70 sena minn Ħal Tarxien ġarrab xi ġrieħi wara li raġel mar jisraq fil-ħanut fejn jaħdem.
Il-każ seħħ għall-ħabta tat-8:15 tal-bieraħ filgħaxija f’ħanut li jinsab fi Triq San Luqa, Wied il-Għajn.
Mill-ewwel investigazzjonijiet tal-Pulizija jirriżulta li allegatament raġel daħal fil-ħanut, qabad sikkina, mexa lejn il-kaxxier u talbu l-flus. Il-kaxxier, irrifjuta li jagħti l-flus u anke rreżista lir-raġel. L-aggressur ħarab minn fuq il-post wara li seraq ftit muniti.
Il-kaxxier ingħata l-ewwel għajnuna minn tim mediku, iżda aktar tard huwa ttieħed f’ċentru tas-saħħa għal aktar kura.
Il-Maġistrat tal-Għassa Dr Audrey Demicoli ġiet infurmata bil-każ u ħatret inkjesta.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan il-każ għadhom għaddejjin.