Anzjan ta’ 75 sena minn Ħal Qormi sofra ġrieħi gravi wara li waqa’ f’bir f’għalqa fi Triq tal-Ħandaq, fil-limiti ta’ Ħaż-Żebbuġ.
Il-każ seħħ għall-ħabta ta’ nofsinhar meta l-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm bżonn l-assistenza minħabba li persuna waqgħet f’bir.
Fuq il-post issejħu l-membri tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u wara li tellgħu lir-raġel mill-bir, huwa ngħata l-assistenza minn tim mediku.
Ir-raġel ittieħed l-Isptar Mater Dei b’ambulanza, fejn aktar tard ġie ċċertifikat li sofra ġrieħi gravi.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.