Anzjan ta’ 76 sena minn Santa Venera ndarab gravi wara li kien involut f’inċident tat-traffiku fl-Imsida.
ll-każ seħħ ilbieraħ filgħaxija, għall-ħabta tal-għaxra u kwart fi Triq il-Wied ta’ l-Imsida.
L-ewwel investigazzjonijiet juru li l-anzjan għal xi raġuni tilef il-kontroll tal-karozza Suzuki Baleno u ħabat ma’ Peugeot 308 misjuqa minn raġel ta’ 34 sena minn San Pawl il-Baħar. Konsegwenza tal-impatt, dawn iż-żewġ karozzi ħabtu ma’ 3 vetturi li kienu pparkjati.
Fuq il-post issejjaħ tim mediku li ta l-ewwel għajnuna lill-anzjan u ttieħed b’ambulanza l-Isptar Mater Dei għall-aktar kura, fejn aktar tard kien iċċertifikat li sofra ġrieħi gravi. Is-sewwieq ta’ 34 sena ma weġġax.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan l-inċident għadhom għaddejjin.