Turist Awstraljan spiċċa l-Qorti wara li ta bewsa mhux mixtieqa fuq għonq waiter bl-anzjan jispiċċa akkużat b’reati sesswali.
L-Ispettur Alfredo Mangion ressaq il-Qorti lil James Ebzery ta’ 67 sena mill-Awstralja akkużat li wettaq att ta’ natura sesswali mingħajr il-kunsens fuq waiter fil-lukanda li kien qed joqgħod fuqha.
L-Ispettur qal lill-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Donatella Frendo li l-vittma nfurma lil min iħaddmu li l-akkużat allegatament bieslu għonqu mingħajr ma qallu. Minn hemm il-management irrapporta l-każ lill-Pulizija.
L-Avukati Gianluxa Caruana Curran u Gianella Demarco wieġbu mhux ħatja għall-akkużat fejn spjegaw lill-Qorti li l-akkużat kien waqt btala u kien mistenni jitlaq minn Malta t-Tnejn iżda kien lest li jorbot lilu nnifsu biex joqgħod u jgħix f’lukanda oħra jew f’akkomodazzjoni oħra sakemm il-każ jintemm.
Il-Qorti ordnat li l-isem tal-vittma ma jiġix ppubblikat filwaqt li ċaħdet it-talba tad-difiża biex il-każ jinstema’ bil-bibien magħluqa.
Il-Qorti laqgħet it-talba tad-difiża għall-ħelsien mill-arrest fejn ordnat lill-akkużat biex iħallas depożitu ta’ €1,500 u garanzija personali ta’ €2,500 u jiffirma darba kuljum fl-eqreb Għassa.