Splużjoni kkawżata minn leak ta’ gass ħalliet żewġ persuni anzjani midruba. Kien kmieni dalgħodu għall-ħabta tal-4.15 li il-Pulizija kienet infurmata li kien hemm bżonn l-assistenza tagħha ġewwa residenza privata fi Triq it-Troll, L-Imqabba.
Minn investigazzjonijiet preliminari rriżulta li kienet seħħet splużjoni ġewwa l-istess residenza u f’dan l-inċident weġġgħu żewġ persuni, raġel ta’ 77 sena u mara ta’ 71 sena li tnejn joqgħodu fir-residenza msemmija. Huma ttieħdu l-Isptar Mater Dei permezz t’ambulanza fejn ir-raġel ġie ċċertifikat li jinsab f’qagħda kritika filwaqt li l-kundizzjoni tal-mara għadha mhux magħrufa.
Fuq il-post issejħu wkoll il-Membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili sabiex jassistu.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat li ordnat li ssir inkjesta u ħatret diversi esperti sabiex jassistuha.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.