Anzjan jinsab fil-periklu tal-mewt wara’ li waqa’ t-taraġ f’blokka appartamenti fil-Gżira.
L-inċident seħħ illum, għall-ħabta tas-siegħa neqsin kwart meta raġel sofra ġrieħi serji wara li waqa’ ġewwa blokka ta’ appartamenti li tinsab fi Triq Belvedere, il-Gżira.Minn stħarriġ preliminari li sar mill-Pulizija, jidher li r-raġel, li għandu 67 sena u li huwa residenti s-Siġġiewi, għal xi raguni waqa’ it-taraġ u weġġa’.
Fuq il-post issejħu membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili fejn assistew fl-operazzjoni biex iniżlu lill-anżjan fejn minn fuq il-post hu ttieħed b’ambulanza l-Isptar Mater Dei fejn ġie ċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi serji u jinsab fil-periklu tal-mewt.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan l-inċident għadhom għaddejjin.