Anzjan ta’ 79 sena li jgħix Ħal Għaxaq jinsab fil-periklu tal-mewt wara li ntlaqat minn vann fiż-Żejtun.
L-inċident seħħ ilbieraħ għall-ħabta tal-għaxra ta’ filgħaxija fi Triq tal-Barrani.
Fuq il-post marru l-Pulizija, li mill-ewwel stħarriġ irriżulta li l-anzjan intlaqa minn vann, li kien qed jinstaq minn raġel ta’ 46 sena minn Ħal Tarxien.
Ir-raġel ingħata l-għajnuna minn tim mediku u ttieħed l-Isptar Mater Dei.
Il-Maġistrat tal-Għassa Donatella Frendo Dimech ġiet infurmata bil-każ u ħatret inkjesta.
L-investigazzjonijiet mill-Pulizija dwar dan il-każ għadhom għaddejjin.