Anzjan ta’ 85 sena minn Ħal Luqa jinsab fil-periklu tal-mewt wara li ntlaqat minn vettura li telqet minn fuq il-post.
L-inċident seħħ aktar kmieni llum għall-ħabta tal-ħamsa u nofs fi Triq Ċensu Decandia, Ħal Luqa.
Ir-raġel ingħata l-għajnuna minn tim mediku, ittieħed l-isptar b’ambulanza u ġie ċċertifikat li sofra ġrieħi serji. Fl-istess inċident żewġ karozzi li kienu pparkjati, Daihatsu Terios u Mazda Demio sofrew xi ħsarat ukoll.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija u t-tfittxija għall-vettura għadhom għaddejjin filwaqt li ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr Donatella Frendo Dimech, li qed tmexxi inkjesta.