Anzjan ta’ 79 sena minn Ħaż-Żabbar jinsab fil-periklu li jitlef ħajtu wara li ntlaqat minn karozza f’Ħaż-Żabbar kmieni dalgħodu.
L-inċident seħħ għall-ħabta tat-08:30 fi Triq Villabate, Ħaż-Żabbar. Mill-ewwel investigazzjonijiet tal-Pulizija jidher li l-inċident seħħ meta raġel ta’ 41 sena minn Sierra Leone u residenti Marsaskala, tilef il-kontroll tal-karozza Peugeot li kien qed isuq, u laqat lill-anzjan.
Fuq il-post issejħet ambulanza li ħadet lill-anzjan l-Isptar Mater Dei għall-kura, fejn aktar tard ġie ċċertifikat li jinsab fil-periklu tal-mewt. Bl-inċident ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Gabriella Vella, li ħatret diversi esperi biex jgħinuha fl-inkjesta li ġiet appuntata.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan il-każ għadhom għaddejjin.