Anzjan ta’ 83 sena jinsab fil-periklu tal-mewt wara li kien involut f’inċident tat-traffiku fis-Siġġiewi.
Il-każ seħħ ilbieraħ għall-ħabta tal-11:20 ta’ filgħaxija fi Triq Monsinjur Mikiel Azzopardi fis-Siġġiewi, meta l-anzjan ta’ 83 sena mill-Imqabba għal xi raġuni tilef il-kontroll tal-vettura li kien qed isuq tat-tip Toyota Vitz. Dan bil-konsegwenza li baqa’ dieħel fil-parapett ta’ residenza.
Fuq il-post issejħet ambulanza fejn ħadet lill-anzjan l-isptar Mater Dei għall-kura meħtieġa fejn aktar tard ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi serji tant li jinsab fil-periklu tal-mewt.
B’rabta ma’ dan il-każ infetħet inkjesta maġisterjali.