Anzjan ta’ 69 minn Ħal Qormi ġarrab ġrieħi gravi wara li kien involut f’inċident tat-traffiku. L-inċident seħħ il-Ġimgħa għall-ħabta tat-tlieta ta’ waranofsinhar fi Triq l-Imdina, Ħal Qormi.
Il-Pulizija marret minnufih fuq il-post u minn stħarriġ preliminari li sar, irriżulta li r-raġel kien milqut minn karozza, bis-sewwieq tal-karozza telaq minn fuq il-post tal-inċident.
Tim mediku assista lir-raġel u ittieħed l-Isptar Mater Dei b’ambulanza għall-kura, fejn iktar tard, ġie ċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi gravi.
Sorsi qrib il-Korp tal-Puliziju qalu li t-tfittxija għadha għaddejja għall-sewwieq li telaq minn fuq il-post.