Anzjan ta’ tmienja u sebgħin sena mill-Ħamrun weġġa’ gravi wara li kien involut f’inċident stradali fi Triq il-Kbira San Ġużepp, fil-Ħamrun, dalgħodu għall-ħabta tal-għaxra neqsin kwart.
Mill-ewwel stħarrig irriżulta li seħħet ħabta bejn tal-linja misjuqa minn raġel ta’ tlieta u tletin sena minn San Pawl il-Baħar u vettura misjuqa minn raġel ta’ tlieta u ħamsin sena minn Santa Venera, bil-konsegwenza li waħda mill-vetturi laqtet lill-anzjan li dak il-ħin kien qed jaqsam it-triq.
Huwa ngħata l-għajnuna minn tim mediku, u ttieħed l-isptar b’ambulanza fejn aktar tard ġie ċċertifikat bi ġrieħi gravi.
L-investigazzjonijiet mill-Pulizija b’rabta ma’ dan il-każ, għadhom għaddejjin.