Anzjan ta’ 73 sena li jgħix Ħal Tarxien ġarrab ġrieħi gravi wara li ttajjar minn karozza fil-Fgura. L-inċident seħħ għall-ħabta tas-sebgħa tat-Tnejn filgħaxija fi Triq Hompesch, il-Fgura, meta l-anzjan ittajjar minn karozza waqt li dan kien qed jaqsam it-triq. Il-karozza li tajritu telqet minnufih minn fuq il-post.
Ir-raġel ingħata l-ewwel għajnuna minn tim mediku fuq il-post qabel ma ttieħed l-Isptar Mater Dei b’ambulanza għal aktar kura. Aktar tard huwa ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi gravi.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan l-inċident għadhom għaddejjin.