Raġel ta’ 67 sena minn Ħad-Dingli kien arrestat mill-Pulizija wara li minn investigazzjonijiet illi saru b’mod konġunt bejn il-Pulizija u JobsPlus, instab li allegatament daħħal f’Malta b’mod illegali numru ta’ persuni minn pajjiżi terzi.
Minn investigazzjonijiet irriżulta li r-raġel kien għamel applikazzjonijiet sabiex iġib u fil-fatt ġab Malta għadd ta’ ħaddiema prospettivi li qabeż ferm id-domanda reali ta’ ħaddiema li kellu bżonn in-negozju tiegħu biex jopera.
Fi stqarrija mill-Korp tal-Pulizija intqal ukoll li allegatament huwa għamel dikjarazzjonijiet foloz lill-awtoritajiet kompetenti, billi stqarr li għandu bżonn dan in-numru ta’ ħaddiema sabiex ikun jista’ jopera tliett ristoranti, meta wieħed minnhom kien fil-proċess li jagħlaq u ieħor kien għadu ma fetaħx.