Din is-sena s-Soċjetà Filarmonika “Sliema” għażlet li tonora lis-Sinjura Antoinette Falzon b’ “Ġieħ is-Soċjetà”.
Fi stqarrija s-Soċjetà nnotat li Antoinette hija devota kbira tal-Madonna tas-Sacro Cuor bħalma huwa wkoll ir-raġel tagħha Joe. Qarrejja tal-aħbarijiet fuq dan l-istazzjon, Antoinette Falzon hija magħrufa sewwa fil-qasam tax-xandir.
“Kull meta nqala’ l-bżonn li s-Soċjetà Filarmonika Sliema twassal il-messaġġ tagħha permezz tal-qasam tax-xandir dejjem sibna lil Antoinette disponibbli sabiex tagħti l-għajnuna tagħha”, qalet l-istqarrija tas-Soċjetà.
“Mhux l-ewwel darba li Antoinette ippreżentat xi attività jew programm mużikali importanti tal-Banda Ċittadina Sliema”.
Xogħol importanti ieħor li tagħmel huwa dak ta’ kuntatti ma’ persuni distinti fl-ogħla kariga tal-pajjiż biex jattendu għal xi ċelebrazzjoni partikolari u mportanti li minn żmien għal ieħor ikollha s-Soċjetà jew ukoll xi programm kommemorattiv.
Is-Soċjetà żiedet tirrikonoxxi lill-Antoinette u rringrazzjatha talli spiss tkun ta’ għajnuna.