Is-Sibt filgħodu, fil-Knisja ta’ Santa Katarina fiż-Żejtun ingħatat l-aħħar tislima lil Antoine Degabriele.
Degabriele ta’ wieħed u ħamsin sena miż-Żejtun tilef ħajtu traġikament wara li ttajjar fil-ħamsa ta’ Awwissu li għadda, fi Triq Anton Buttiġieġ, fiż-Żejtun.
Il-knisja kienet mimlija b’nies lebsin l-abjad, fuq xewqa tal-qraba tar-raġel.
Il-Kanonku George Scerri ddeskriva l-mewt ta’ Degabriele bħala diżgrazzja, għaliex il-vittma ma kienx isuq u kellu jitlef ħajtu f’inċident tat-traffiku b’karozza.
Intqal kif huwa kien jaħdem fis-settur tal-catering u s-servizz kien jagħtih b’imħabba u mill-qalb.
Qal, “Ix-xogħol kien jagħmlu bil-mod, b’mod diliġenti u bil-qalb. Is-servizz tiegħu kien jagħtih bi tbissima u kien jipprova jaqdi lil kulħadd, mhux ta’ b’xejn kien maħbub ħafna mix-Xlukkjari. Kont tieħu gost tmur tiekol fejn jaħdem hu għax kien jagħtik servizz tajjeb, ta’ very important person – VIP.”
B’rabta ma’ dan il-każ, Dean Donovan Frendo ta’ tlieta u għoxrin sena li jgħix Birżebbuġa nżamm arrestat, wara li l-Ħadd li għadda tressaq il-Qorti.
Iż-żagħżugħ qed jiġi akkużat b’hit and run, hekk kif allegatament tajjar lill-vittma u baqa’ sejjer.