Il-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali jħabbar il-ħatra tal-Onor. Anthony Agius Decelis bħala chairman mhux Eżekuttiv tal-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir. L-Onor. Agius Decelis wettaq ħidma fis-Servizzi tas-Saħħa għal aktar minn 20 sena u ġie elett fil-Parlament Malti għall-ewwel darba fl-2008. Matul l-aħħar snin kellu diversi rwoli differenti li tawh l-opportunità jiddjaloga ma’ diversi setturi, għaqdiet u nies differenti. Fl-2017 huwa nħatar bħala Segretarju Parlamentari għall-Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva.
Il-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir twettaq ħafna proġetti differenti li jinkludu r-restawr u r-riġenerazzjoni ta’ assi kulturali u nazzjonali, il-ħolqien u r-rinovazzjoni ta’ akkomodazzjoni soċjali u ħidma fuq faċilitajiet oħra, b’mod partikolari fl-inħawi tal-Port il-Kbir.