Ċifri tal-uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika juru tnaqqis ta’ 9,000 tifel u tifla li ħarġu mill-faqar u l-esklużjoni soċjali.
L-istatistika turi li bejn l-2013 u l-2017, elfejn tifel u tifla taħt is-sitt snin u 3,000 ta’ bejn is-sitta u l-għaxar snin ma baqgħux fil-faqar jew f’esklużjoni soċjali.
Dan jirriżulta minn statistika ppubblika lejlet il-Jum Dinji tat-Tfal meta mqabbla mas-sitwazzjoni kif kienet fl-2-13 skont statistika tal-Eurostat.Fost l-adoloxxenti, it-titjib fil-kundizzjonijiet soċjali kien sinifikanti ukoll. Fil-fatt, dawk ta’ bejn 11 u l-15-il sena naqsu b’2,000, waqt li dawk ta’ bejn is-16 u s-17-il sena naqsu b’2,000 ieħor.
Dan ifisser li wieħed minn kull tliet persuni taħt it-18-il sena ma baqgħux f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali.
Il-Ministru Michael Falzon qal li t-tnaqqis kien rizultat ta’ firxa kbira ta’ miżuri soċjali li daħħal il-Gvern f’dawn il-ħames snin, fosthom inċentivi ġodda bħaċ-child care b’xejn, it-tapering tal-benefiċċji soċjali, l-In-Work Benefit, iż-żieda fil-paga minima, it-titjib fl-istipendji, id-dħul tal-Community Working Scheme, il-ġlieda kontra l-prekarjat u tnaqqis fl-income tax fost oħrajn.
Dawn il-miżuri wasslu biex dawk dipendenti fuq il-benefiċċji soċjali jonqsu bin-nofs.
Fi stqarrija, il-Ministeru għas-Saħħa qal li l-Gvern huwa fiduċjuż li se jkomplu jitjiebu l-kundizzjonijiet tal-familji u tat-tfal bil-miżuri li daħlu fl-aħħar baġits u dawk imħabbra għas-sena d-dieħla.
Tenna l-wegħda li ebda tifel u tifla ma jgħixu fil-faqar, fejn ġenitur wieħed jaħdem.
F’attività li saret fil-Kulleġġ Santa Tereża f’Birkirkara, il-Ministru Michael Falzon u l-Kummissarju għat-Tfal Pauline Miceli nedew ktejjeb dwar il-Politika Nazzjonali għat-Tfal.
Din it-tnedija tat bidu għal sensiela ta’ workshops li se jsiru f’diversi skejjel, li se jgħinu fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-politika.
Il-Kummisarju għat-Tfal Pauline Miceli saħqet li t-tfal għandhom dejjem jiġu ttrattati b’dinjità u rispett, u li għandhom jingħataw il-mezzi biex iwasslu l-opinjoni tagħhom.