Aġġornament ekonomiku mill-Bank Ċentrali għal xahar ieħor kompla juri andament pożittiv fl-ekonomija Maltija.
Ir-rapport tal-Bank Ċentrali jgħid li l-ekonomija kompliet tikber matul is-seba’ xahar ta’ din is-sena, fuq is-sena l-oħra.
L-aġġornament ekonomiku inkluda ċifri dwar il-moratorju fuq ħlasijiet lura ta’ self offrut mill-banek minħabba il-pandemija.
Il-valur tas-self lill-familji u kumpaniji li kien soġġett għal moratorju sal-aħħar ta’ Ġunju kompla jonqos, għal mija u sitta u għoxrin miljun u mitt elf ewro.
Dan ifisser li inqas familji u sidien ta’ negozji ġew bżonn moratorju fuq is-self li kellhom.
Intant l-esperti tal-Bank Ċentrali nnutaw it-tnaqqis fin-numru ta’ persuni qiegħda kemm fuq ix-xahar ta’ qabel u anki meta mqabbel mal-istess xahar tas-sena l-oħra.
Intqal kif issa Malta għandha rata baxxa ta’ tlieta punt sitta fil-mija ta’ qgħad.
Il-Bank Ċentrali qal li f’Ġunju il-produzzjoni industrijali żdiedet b’rata annwali aktar mgħaġġla meta mqabbla ma’ dik ta’ xahar qabel.
Il-volum tal-kummerċ bl-imnut kiber ukoll.
F’Lulju imbagħad it-tranżazzjonijiet tal-proprjetà residenzjali baqgħu sinifikanti, fejn l-ammont ta’ kuntratti finali żdied fuq bażi annwali.
Ir-rata ta’ inflazzjoni, jiġifieri ż-żieda fil-prezzijiet tal-prodotti kienet l-istess bħal dik ta’ Mejju u laħqet iż-żero punt tnejn fil-mija.