Dalgħodu, l-Kummisjoni Nazzjonali għall-persuni b’diżabilità ppreżentat żewġ rapporti lis-Segretarju Parlamentari għall-persuni b’diżabilità Justyne Caruana.
B’ rapport minnhom jiffoka fuq il-ħidma tal-Kummisjoni filwaqt li r-rapport l-ieħor jitratta l-ħmistax-il sena tal-att dwar opportunitajiet indaqs u jiffoka fuq il-compliance unit – li għandu xogħol ta’ regolatur.
Matul 2014-2015 il-KNPD ħadmet fuq 327 ilment, b’ 203 minnhom kienu pendenti mis-snin ta’ qabel, 124 kienu ilmenti ġodda. Dan ifisser tnaqqis ta’ 24 ilment li ħadmet fuqhom is-sena l-oħra l-kummisjoni. Fl-ewwel ħmistax-il sena, ġew investigati 1645 ilment b’medja ta’ 110 ilment fis-sena. Fil-qasam tax-xogħol rajna wkoll tnaqqis fin-numru ta’ lmenti dan grazzi għal numru ta’ inizjattivi li introduċa dan il-Gvern. L-aċċessibilita’ huwa l-aktar qasam li rċiviet ilmenti ġodda dwaru l-Kummisjoni.
Ma ONE News, Oliver Scicluna, stqarr li huwa sodisfatt li b’kuntrarju għas-sena li għaddiet fejn il-Kummisjoni kienet tirċievi bejn 2 u 3 rapporti kuljum, din is-sena qed tirċievi medja ta’ 5 rapporti kuljum. Huwa spjega li dan huwa sinjal ċar li n-nies qed jirrikonoxxu aktar ix-xogħol tal-Kumissjoni u saru aktar konxji li għandhom fejn jistgħu jirrapurtaw.
Min-naħa tagħha Justyne Caruana, faħħret ix-xogħol ta’ importanza li jsir mill-Kummisjoni u qalet li din hija l-ewwel sena b’Kummisjoni ġdida għax il-Gvern ħadem għall-bidliet fil-liġi biex illum din qed tissejjaħ il-Kummisjoni Nazzjonali għad-drittijiet ta’ persuni b’diżabilità.