Anora, l-istorja dwar prostituta li jkollha storja ta’ mħabba mat-tifel ta’ oligarka Russu, dal-lejl rebaħ 5 oscars li jinkludu l-aqwa film u l-aqwa attriċi permezz ta’ Mikey Madison, li għaliha din kienet l-ewwel nominazzjoni f’dawn l-unuri prestiġjużi. Sadanittant id-direttur Sean Baker daħal fl-istorja hekk kif rebaħ 4 oscars għall-istess film inkluż l-aqwa direttur, l-aqwa storja oriġinali u l-aqwa editjar.
Ir-rebbieħ tal-aqwa attur kien Adrien Brody għall-parti tiegħu f’The Brutalist filwaqt li l-Oscars għall-aqwa supporting actress u actor intrebħu minn Zoe Saldaña f’Emilia Pérez u Kieran Culkin f’A Real Pain rispettivament.
L-unur tal-aqwa diska oriġinali intrebaħ minn El Mal fil-film Emilia Pérez bil-mużika ta’ The Brutalist tirbaħ l-aqwa kompożizzjoni oriġinali.
Matul is-serata Ariana Grande, li qalgħat ħafna kummenti għal-libsa ta’ Schiaparelli li kellha, kantat dwett ma’ Cynthia Erivo filwaqt li Morgan Freeman ta’ ġieħ lil attur Gene Hackman li ħallina ftit tal-ġranet ilu.
Is-serata, li kienet ippreżentata għall-ewwel darba minn Conan O’Brien, fetħet b’servizz ad unur il-belt ta’ Los Angeles wara d-diżgrazzja li ħakmitha bin-nirien ftit tal-ġimgħat ilu.
Fid-diskorsi tar-rebbieħa spikkaw is-sentiment dwar suġġetti attwali li qed jaffetwaw lil ħafna b’mod partikolari dak ta’ Adrien Brody li qal li għal darb’oħra kien qiegħed hemm biex jirrappreżenta it-trawma u riperkussjonijiet li tħalli l-gwerra kif ukoll l-antisemitiżmu u razziżmu u talab għal dinja aktar inklussiva, ferħana u b’saħħitha. Mikey Madison minn naħa tagħha onorat lill-ħaddiema fl-industrija tas-sess hekk kif wegħdet l-appoġġ tagħha lejhom filwaqt li Zoe Saldaña rreferiet għall-immigranti fejn qalet li hi kburija li ġejja minn ġenituri immigranti hekk kif hija l-ewwel attriċi ta’ oriġini Dominikana li qatt rebħet Oscar.