Il-Kap tal-Oppożizzjoni għalaq tliet snin fit-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista.
Iżda dan l-anniversarju, li normalment iwassal biex issir analiżi minn ġurnalisti u opinjonisti ta’ dak li jkun sar, għadda mingħajr ma kien innotat mill-ġurnali ewlenin f’pajjiżna.
Ebda gazzetta ma ħasset li għandha tiddedika spazju prominenti biex tara x’wettaq il-Kap tal-Oppożizzjoni fl-ewwel tliet snin tiegħu u x’inhi l-viżjoni li qiegħed joffri lill-pajjiżna. Xi ħaġa li mistennija tkompli żżid il-pressjoni fuq id-Direttur tal-Informazzjoni tal-Partit Nazzjonalista, Matthew Bonnet, li diġa’ qed jiffaċja kritika kif dan wassal biex il-kap deher bħala irrelevanti.
Intant, fl-uniku analiżi dettaljata li saret, dik fil-KullĦadd intqal li l-Partit Nazzjonalista ma jistax ikun negattiv biss. L-eks Ministru u opinjonista Michael Falzon qal: “L-aktar problema li naħseb li għandu Simon Busuttil hi li għadu ma qalx b’mod ċar x’qed joffri l-PN meta jerġa’ jkun fil-Gvern.”
Żied li għalkemm wieħed jista’ jargumenta li fadal sentejn, Falzon insista li l-“PN ma jistax ikun negattiv biss u jeħtieġ jibda joffri alternattiva serja għall-Gvern ta’ Muscat.” Falzon jitkellem ukoll dwar kif Busuttil inaqqas l-importanza tad-demokrarzija u tmexxija nadifa meta kwistjonijiet frivoli jingħataw importanza bla proporzjon.
Kumment ieħor kien ta’ Simon Mercieca, wieħed mill-awturi tar-rapport tat-telfa tal-Partit Nazzjonalista. Għalkemm jargumenta li mill-għażla li kellu l-Partit Nazzjonalista, Busuttil kien l-aħjar wieħed, żied li “pazjent ma jistax jibqa’ jieħu pariri mingħand tobba li marduh.” Dikjarazzjoni li tista’ tindika li Mercieca jemmen li fil-PN ftit li xejn inbidlu l-affarijiet.
Il-Perit Robert Musumeci qal li r-riga ta’ Busuttil mhux dejjem tirrikonċilja mal-kejl tal-imgħoddi. Il-ġurnalista Nicole Buttigieg innotat kif jgħid “ħafna kliem sabiħ iżda meta jiġi biex jaġixxi jsibha diffiċli.”
Tispikka wkoll il-karikatura tal-istess ġurnal li turi lil Busuttil jaqsam kejk bil-kliem double standards, ebda viżjoni, negattività, kontra Malta u esaġerazzjoni fuqu. Intant, staqsejna wkoll lin-nies jekk jafux proposti ta’ Simon Busuttil.
https://youtu.be/KC44lQ1PJE0