Imfakkar il-65 anniversarju mit-twaqqif tal-Kumitat Lokali ta’ Santa Venera u l-50 sena mill-ftuħ taċ-Ċentru Laburista ta’ din il-lokalità.
Dawn iż-żewġ anniversarji tfakkru bil-kxif ta’ żewġ plakek kommemorattivi u l-inawgurazzjoni ta’ uffiċċju politiku li jista’ jintuża mill-kandidati tad-distrett biex ikunu jistgħu jiltaqgħu u jitkellmu mal-kostitwenti tagħhom.
Barra minn hekk, il-President tal-Kumitat Lokali ta’ Santa Venera Celine Vella onorat lis-Sinjura Doris Mifsud għall-attiviżmu politiku tagħha f’dan ir-raħal.
F’messaġġ tal-okkażjoni, il-President tal-Partit Laburista Alex Sciberras qal li s-suċċess ta’ partit politiku huwa marbut ma’ kemm ikun qrib l-attivisti u l-partitarji tiegħu. Huwa rringrazzja lill-voluntiera tal-partit minħabba l-ħin u d-dedikazzjoni li juru għall-ħidma politika li jwettqu matul is-sena kollha b’risq il-Partit Laburista.
Id-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit u MPE Laburista Alex Agius Saliba qal li l-Partit Laburista huwa partit ħaj riżultat tal-attiviżmu tal-voluntiera li għandu, li dejjem ikunu lesti jwieġbu għas-sejħa tal-Partit. Fisser kif il-Partit qed jaħdem bis-sħiħ biex ikompli jiżdied dan l-attiviżmu fost il-partitarji Laburisti.
REKLAM
SKROLLJA BIEX TKOMPLI