L-eks President tal-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista Ann Fenech u l-eks Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Paul Borg Olivier qed jattakkaw lil Gvern talli mhux idaħħal immigranti f’pajjiżna.
F’ittra ffirmata minn Ann Fenech intqal li mas-77 immigrant abbord il-bastiment kummerċjali MV Marina, li jinsab fejn il-gżira ta’ Lampedusa għandu jaqbad triqtu lejn pajjiżna u l-immigranti jiddaħħlu f’Malta.
Min-naħa tiegħu, Borg Olivier ikkummenta fuq il-blog ta’ Brian Hansford u qabel mas-sentiment ta’ Ann Fenech biex jiddaħħlu l-immigranti f’Malta.
Il-Gvern Malti qed iressaq pożizzjoni soda fuq l-immigrazzjoni fejn f’ċirkostanzi straordinarji ta’ emerġenza pubblika, il-portijiet jinsabu magħluqa bħal ma huma magħluqa wkoll ta’ pajjiżi oħra.
Malta kkordinat operazzjonijiet ta’ salvataġġ ta’ immigranti li kienu fuq dgħajjes li daħlu fiż-żona ta’ tiftix u salvataġġ ta’ pajjiżna.
Dawn l-immigranti ġew trasferiti fuq żewġ bastimenti tal-kumpanija privata Captain Morgan.
Il-bastimenti jinsabu ankrati barra l-ibħra territorjali ta’ Malta u l-immigranti ngħataw il-ħtiġijiet bażiċi bħall-ikel, xorb u mediċini.
Dawn qed jistennew għal soluzzjoni Ewropea dwar rilokazzjoni.