Il-President tal-Eżekuttiv Nazzjonalista, Ann Fenech, irreaġixxiet bl-aħrax għal artiklu tal-kelliem tal-gvern li kkritika l-operat ta’ Simon Busuttil kemm ilu Kap tal-Oppożizzjoni.
F’Talking Point fit-Times of Malta, l-għada li Kurt Farrugia kiteb kif ħadd m’hu se jibki t-telfa ta’ Simon Busuttil, Ann Fenech kitbet li l-korruzzjoni għandha kelliem u bdiet il-litanija li l-Partit Nazzjonalista kellu qabel l-elezzjoni ġenerali.
Għax Farrugia kkritika l-operat ta’ Simon Busuttil, Ann Fenech kitbet li qed “jitkellem daqs li kieku l-poplu Malti xi speċi injoranta.”
Imbagħad minn hemm irħetilha tfaħħar lill-Kap tagħha, li fl-aħħar elezzjoni ġenerali wassal lill-Partit Nazzjonalista għal telfa enormi.
U filwaqt li qalet kemm hi kburija li tinsab ma’ Simon Busuttil qalet li se jkollna sorpriża kbira. Għax skont hi Busuttil m’għandux bżonn titli biex ikompli bil-kruċjata tiegħu u se jibqa’ jiġġieled kontra Kastilja.