Fl-istess ħin li l-Partit Nazzjonalista nieda l-iskema ċedoli biex jissellef il-flus u jibdel f’ċedoli dejn li diġa’ jeżisti l-uffiċjali tiegħu qed jibqgħu ma jridux jgħidu kemm għandu dejn il-partit. F’intervista ma’ The Malta Independent, il-President tal-Eżekuttiv u l-moħħ wara l-iskema, Ann Fenech qalet li : “din mhix xi ħaġa li nista’ ngħid. Hija figura interna u ma nistax ngħid kemm hi.”
Il-President tal-eżekuttiv qalet li minkejja dan hemm aħbarijiet tajba għax il-PN rnexxielu jirregolarizza d-dejn mal-banek. Ikkonfermat li biex sar dan il-Partit Nazzjonalista spiċċa biegħ il-proprjetà u l-każini tiegħu, fosthom dak f’San Ġiljan.
Skont Ann Fenech, il-proprjetà hija dik li tagħti serħan il-moħħ lill-dawk li se jsellfu. Fi kliem ieħor fejn ma jasalx il-ħlas hemm il-bini. Tant li meta mistoqsija dwar dak li qalet Rosette Thake, Segretarju Ġenerali, li m’hawn xejn garantit Fenech qalet: “Id-Dar Ċentrali waħedha stmata sittax il-miljun ewro. Naħseb dik twieġeb il-mistoqsija tiegħek.”
Eventwalment reġgħet sostniet li l-Partit Nazzjonalista għandu diversi proprjetajiet. Fl-istess ħin ikkonfermat dak żvelat fil-KullĦadd tal-Ħadd li l-għan ewlieni tal-iskema hu li jitħallas id-dejn. Fil-fatt il-KullĦadd żvela kif hemm dejn li nbidel f’ċedoli. U minkejja l-intervista ta’ żewġ paġni fuq is-suġġett ma’ min fassal l-iskema dawk li taw il-flus baqgħu sigrieti u se jibqgħu sigrieti. Biex l-iskema se tibqa kif bdiet; ibbażata fuq il-ħabi.