Tul dawn l-aħħar snin, is-sigaretti tradizzjonali u dawk elettroniċi, magħrufa aħjar bħala vapes, żdiedu ħafna fil-popolarità, anke fost iż-żgħażagħ u l-minorenni.
Dan il-fenomenu mhux qed iseħħ biss f’Malta, iżda din iż-żieda qed tidher ukoll madwar id-dinja kollha.
Newspoint, programm fuq ONE li jsir kull nhar ta’ Ħamis, tkellem fuq dan is-suġġett u bħala mistiedna speċjali l-Konsulenta tas-Saħħa Pubblika Dr Mariella Borg Buontempo, li tat iktar dettalji dwar dan.
Borg Buontempo spjegat li t-tipjip imur lura mijiet ta’ snin u f’sigarett tista’ ssib madwar sebat elef prodott. Hija qalet li l-ikbar problema f’diversi sustanzi li ssib f’sigarett hija li ladarba jidħlu fil-ġisem ma jerġgħux joħorġu.
“Il-problema hi li, meta dawn jidħlu fil-ġisem, il-ġisem ma jkunx jista’ jitfagħhom ’il barra, ma jkunx jista’ jeħles minnhom. Dawn joqogħdu fil-ġisem u jakkumulaw. Din hija l-problema tas-sigarett u, kif għidt ukoll, hemm dawk is-sustanzi li jikkaġunaw il-kanċer u nafu biċ-ċert li jikkawżaw il-kanċer. ”
F’Malta kull sena jmutu madwar erbat elef persuna bi problemi ta’ saħħa. Ħames mitt persuna minn dawn, il-kaġun tal-mewt tagħhom ikollu x’jaqsam mat-tabakk.
Madwar għoxrin fil-mija tal-popolazzjoni, jiġifieri wieħed minn kull ħames persuni, ipejpu b’mod regolari. Ħamsa fil-mija tal-popolazzjoni jpejpu biss f’okkażjonijiet speċjali.
Mill-banda l-oħra waqt din id-diskussjoni, il-vapes qajmu diversi mistoqsijiet, Ġie nnutat li l-vapes, bħas-sigaretti, m’għandhomx jintużaw f’post fuq ġewwa għax jitqiesu bħala prodotti tat-tabakk u jista’ jinbiegħu biss għal persuni ‘l fuq minn tmintax-il sena.
L-appell ta’ Dr Mariella Borg Buontempo f’dan il-programm kien li min ma jpejjipx ma jibdiex, imma min għandu bżonn l-għajnuna biex jieqaf ipejjep jista’ jfittixha u ħadd m’għandu jaqta’ qalbu.
“Min ma jpejjipx jevita li jibda jpejjep, anke l-vapes, għax dawn ċertu ammont ta’ ħsara qed jagħmlu. Min jixtieq għajnuna, anke dawk li qed jivvejpjaw u ma jistgħux jiefqu, aħna għandna support service. In-numru biex tikkuntattjana huwa 80073333, li huwa dak il-quick line li hemm fuq is-sigaretti.”