‘Nisperaw li dan huwa inċident ta’ darba’ – MEP Pollakk
MEP Pollakk qal li filwaqt li l-missila li laqtet lil pajjiżu ma tidhirx li hija provokazzjoni Russa intenzjonata, ir-riskju li r-Russja tolqot lill-Polonja fil-futur ma jistax jiġi eskluż.
Rodoslaw Sikorski, li kien Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-Polonja bejn l-2007 u l-2014, qal li huwa mħasseb ħafna wara l-inċident tal-bieraħ.
“Ir-Russi qed jisparaw u jibbumbardjaw il-Punent tal-Ukrajna, li hija qrib ħafna tal-fruntiera Pollakki. Allura ma nistgħux neliminaw ir-riskju ta’ azzjonijiet bħal dawn fil-futur.”
Huwa ħeġġeġ lin-nies iżommu f’moħħhom li l-istorja ewlenija hija l-attakk kbir Russu fuq bliet Ukreni, u kif verament qed jitterrorizzaw lill-popolazzjoni ċivili u jwettqu delitti tal-gwerra.
“Allura anki jekk l-arma Ukrena ġiet sparata ħażin, ir-responsabbiltà għal din l-azzjoni trid tinġarr mill-aggressur.”
Aktar kmieni llum il-kap tan-NATO Jens Stoltenberg qal li l-missila li laqtet lill-Polonja kienet “probabbilment” ikkawżata mill-attività tas-sistemi tad-difiża tal-ajru tal-Ukrajna.
Din l-ipoteżi tirrifletti wkoll il-kliem tal-President Pollakk, li qal ukoll li ma kien hemm l-ebda sinjal li dan kien parti minn attakk intenzjonat.