Wara s-sensiela ta’ theżżiżiet tal-art li nħassu f’diversi bnadi tal-gżejjer Maltin, l-awtoritajiet, u partikolarment il-Protezzjoni Ċivili, jinsabu ppreparati għal kull eventwalità, remota kemm hi remota.
Tkellimna maċ-Chief Assistance Rescue Officer fi ħdan il-Protezzjoni Ċivili, Anthony Pisani, li spjegalna kif bosta membri tal-Protezzjoni Ċivili jitħarrġu barra minn Malta sabiex jitgħallmu xi proċeduri għandhom jittieħdu f’każ ta’ terremot.
Hu żied jgħid li l-ordnijiet jittieħdu mic-Civil Protection Directorate, kumitat ta’ nies speċjalizzati f’dan il-qasam.
Huwa nnota wkoll l-investiment massiċċ li sar sabiex id-Dipartiment ikun mgħammar b’kull apparat meħtieġ, kemm jekk hu għal terremot kif ukoll anke affarijiet oħra.
“Id-Dipartiment investa f’apparat ġdid, tal-aħħar teknoloġija, li dan jista’ jintuża kemm għal kwalunkwe inċident li jista’ jiġri barra terremot, u fil-każ jista’ jintuża wkoll għal terremot.”
Huwa spjegalna kif tagħmir li jintuża għal terremot, jista’ jintuża wkoll f’każijiet ta’ kollass ta’ bini, nirien ,u inċidenti oħra.
L-apparat, li dejjem ikun ippreparat, jinkludi wkoll tagħmir għal taħt l-ilma, f’każ ta’ tsunami.
Qalilna li kulħadd fil-pajjiż għandu jkollu kitt tal-ewwel għajnuna u basket bl-affarijiet meħtieġa – bħall-mediċina – biex jieħdu miegħu, f’każ li jkun hemm bżonn ta’ evakwazzjoni.
Huwa ta spjegazzjoni dwar wieħed x’għandu jagħmel fl-eventwalità remota ta’ terremot qawwi.
“Jekk inti tkun qiegħed fit-theżżiża, m’għandekx tiġri. Għandek tibqa’ stand-still, tibqa’ fejn qiegħed. Jekk inti se tidħol tistkenn, dejjem idħol sib ħajt, u dejjem ara li ma jkunx hemm inkwatri li jaqgħu fuqek, xi għamara li taqa’ fuqek, fejn tieqa, għax jista’ jinkiser il-ħġieġ u jiġi fuqek. Waqt it-theżżiża tinżilx taraġ, ibqa’ fejn tkun u ħalli t-theżżiża tieqaf. Tużax lifts, għaliex iċ-ċans hu li tista’ tinqabad fil-lift, allura, again, ħalli t-theżżiża tieqaf. Jekk qiegħed fil-karozza, ibqa’ fil-karozza, toħroġx minn ġol-karozza. Jekk qiegħed bil-karozza, again, tidħolx taħt bridge, evita għax hemm ċans li bit-theżżiża jaqa’ u tintradam hemm taħt. Again, jekk qiegħed fit-triq toqgħodx taħt lamp posts, toqgħodx taħt cables tad-dawl, għaliex dawn hemm chances li, ovvjament, tweġġa’ bihom.”
Anthony Pisani għamilha ċara li m’hemm ebda lok għall-allarm, iżda dejjem huwa tajjeb li wieħed ikun jaf x’għandu jagħmel. Żied jgħid li, f’ każ bħal dan, il-pubbliku għandu jisma’ biss mid-direzzjonijiet tal-awtoritajiet, u mhux jaġixxi fuq dak li jisma’ mingħand in-nies.
“Mhux każ ta’ allarm, kif diġà għidna. Għandna nisimgħu mill-awtoritajiet, x’qegħdin jgħidu, qabel jibdew ixandru fuq il-mezzi tax-xandir, jiġifieri wieħed għandu jimxi mar-regoli li jingħataw through proper channels.”
Fil-fatt, huwa qal li, madwar id-dinja kollha, l-ewwel mezz li jħabbar terremot qawwi jkun ir-radju.